للاطلاع على هذه الصفحة بالعربية، الرجاء النقر هنا

Bu sayfayı Türkçe görüntülemek için buraya tıklayın

X’inhu?

L-Appoġġ Lingwistiku Online ta' Erasmus+ (OLS) (OLS) attwalment joffri korsijiet lingwistiċi online fil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, il-Franċiż, il-Kroat, it-Taljan, l-Ungeriż, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, il-Finlandiż u l-Iżvediż għal studenti ta' edukazzjoni ogħla, studenti tal-edukazzjoni vokazzjonali u li jkunu qegħdin jitħarrġu u voluntiera żgħażagħ li jkunu qegħdin jipparteċipaw fil-programm Erasmus+. Il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi dan is-servizz għall-benefiċċju ta' madwar 100 000 refuġjat fuq 3 snin, fuq bażi volontarja u bla ħlas għalihom.

L-OLS jista' jintuża fi kwalunkwe ħin minn kompjuter, tablet jew smartphone b'konnessjoni mal-internet. Il-korsijiet lingwistiċi tal-OLS jinkludu varjetà ta' moduli fejn l-individwu jiddetta l-pass tagħhom, li jkopru oqsma lingwistiċi differenti, kif ukoll attivitajiet interattivi ta' "Live Coaching" (MOOCs online, sessjonijiet ta' tagħlim u forums).

Għaliex qiegħed jiġi offrut?

Fid-dawl tal-kriżi tal-migrazzjoni attwali, l-objettiv ta' din l-inizjattiva huwa li tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri tal-UE sabiex jintegraw lir-refuġjati fis-sistemi edukattivi u ta' taħriġ tal-Ewropa, u li tiżgura l-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom.

Min jista' jibbenefika minnu?

L-OLS jista' jkun disponibbli għar-refuġjati abbażi tad-definizzjoni ta' hawn taħt:

"Fil-kuntest tal-UE, jew ċittadin ta' pajjiż terz li, minħabba biża' bi prova ċara ta' persekuzzjoni għal raġunijiet ta' razza, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari, jinsab barra l-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu u ma jistax jew, minħabba din il-biża', mhuwiex lest li jagħmel użu mill-protezzjoni ta' dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li minħabba li tkun barra l-pajjiż ta' residenza abitwali preċedenti, għall-istess raġunijiet li ssemmew hawn fuq, mhijiex kapaċi jew, minħabba din il-biża', mhijiex lesta li tmur lura fih, u li għaliha, l-Art. 12 (Esklużjoni) tad-Direttiva 2011/95/UE ma japplikax."

Din id-definizzjoni tinkludi individwi li diġà kisbu status ta' refuġjat wara applikazzjoni għal asil, individwi li rċevew deċiżjoni pożittiva dwar l-asil bi status ta' refuġjat, protezzjoni temporanja/sussidjarja jew protezzjoni umanitarja, applikazzjonijiet għall-asil, mingħajr limitu ta' età.

Kif jaħdem?

Il-parteċipazzjoni f'din l-inizjattiva hija fuq bażi volontarja. Fil-pajjiżi parteċipanti, l-aċċess għall-OLS jingħata lir-refuġjati li jixtiequ jtejbu l-għarfien tagħhom ta' waħda mil-lingwi disponibbli fl-OLS (il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, il-Franċiż, il-Kroat, it-Taljan, l-Ungeriż, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, il-Finlandiż u l-Iżvediż) minn istituzzjoni/organizzazzjoni benefiċjarja ta' Erasmus+ li tkun iddeċidiet li tipparteċipa.

Organizzazzjonijiet bħal dawn jinkludu universitajiet, organizzazzjonijiet vokazzjonali u ta' taħriġ, NGOs, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, eċċ.

Ir-refuġjati jistgħu jagħżlu li jsegwu kors lingwistiku tal-OLS fi kwalunkwe lingwa minn dawk disponibbli. Huwa f'idejn l-istituzzjoni/organizzazzjoni benefiċjarja li tindika din l-għażla fl-OLS, abbażi tal-ħtiġijiet tar-refuġjat u fuq il-livelli disponibbli għal-lingwi differenti.

Ladarba jirċievu l-email ta' stedina għall-OLS, ir-refuġjati għandhom jagħmlu valutazzjoni lingwistika sabiex isiru jafu x'inhu l-livell lingwistiku attwali tagħhom. Malli jlestu din il-valutazzjoni, jistgħu jaċċessaw il-kors lingwistiku (jekk disponibbli fil-livell meħtieġ) għal tul massimu ta' 13-il xahar. Korsijiet lingwistiċi fil-Ġermaniż, Ingliż, Spanjol, Franċiż, Taljan u Olandiż huma disponibbli mil-livelli A1 sa C2 ta' CEFR. Korsijiet lingwistiċi fil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Grieg, il-Kroat, l-Ungeriż, il-Pollakk, ir-Rumen, is-Slovakk, il-Finlandiż, u l-Iżvediż huma offruti fil-livell A1, filwaqt li l-Portugiż huwa disponibbli sal-livell B2. Fi tmiem il-kors lingwistiku, huma jistgħu jniżżlu rekord tal-parteċipazzjoni u jagħmlu tieni valutazzjoni lingwistika sabiex ikejlu l-progress fil-lingwa, jekk huma jkunu jridu. It-tieni valutazzjoni lingwistika mhijiex obbligatorja.

L-organizzazzjoniijet/istituzzjoniijet parteċipanti jagħtu aċċess lir-refuġjati għall-kors lingwistiku tal-OLS abbażi tat-talbiet li huma jirċievu u fi ħdan in-numru ta' liċenzji tal-OLS disponibbli.

Hemm disponibbli wkoll numru limitat ta' liċenzji tal-OLS għal operaturi li huma direttament f'kuntatt mar-refuġjati, sabiex jakkompanjawhom, jappoġġawhom u jiggwidawhom tul il-proċess tal-OLS.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti jistgħu jagħmlu kompjuters u faċilitajiet tal-IT oħrajn disponibbli għar-refuġjati; madankollu, dan mhuwiex rekwiżit. L-OLS jista' jiġi aċċessat online bi kwalunkwe apparat bi browser u b'konnessjoni mal-internet.

Ma għandha tiġġarrab ebda spiża min-naħa tar-refuġjati għall-aċċess għall-kors lingwistiku tal-OLS.

Min jista’ jipparteċipa?

  • Refuġjati
  • Organizzazzjonijiet li jappoġġjaw lir-Refuġjati
  • Organizzazzjonijiet / Istituzzjonijiet benefiċjarji tal-programm Erasmus+

Kif tipparteċipa?

Ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali tiegħek għal aktar informazzjoni dwar kif tipparteċipa.

Lista tal-organizzazzjonijiet parteċipanti. 

Minn fejn nikseb aċċess għall-korsijiet fil-lingwa OLS online?

Sir af aktar

Mistoqsijiet komuni mill-benefiċjari tal-programm Erasmus+

Inizjattivi ta' edukazzjoni ogħla ta' Erasmus+ immirati lejn l-appoġġ għar-refuġjati

Inizjattivi Ewropej għall-skejjel, organizzazzjonijiet vokazzjonali u ta' taħriġ, u edukazzjoni adulta immirati lejn l-appoġġ għar-refuġjati